18-il sena ilu, 246 persuna kienu xogħol fuq titjira ta' filgħodu, 2606 persuna daħlu xogħol f'diversi uffiċini, 343 persuna fi ħdan id-dipartiment tat-tifi tan-nar u l-emerġenza daħlu xogħol, 60 pulizija u 8 paramediċi kienu lesti biex jagħqdu dmirhom - ħajjithom ilkoll intemmet ħesrem, 9/11 il-ġurnata li ħadet lid-dinja u tista' tgħid għadna nħossu l-effetti sal-lum il-ġurnata.

Tista' tgħid kulħadd jiftakar x'kien qed jagħmel dak il-mument li skopra x'kien qed jiġri. Aħna ta' Gwida.mt tkellimna ma' ftit personalitajiet Maltin biex naraw jiftakrux eżatt x'kienu qed jagħmlu dakinhar ta' din it-traġedja fi New York.

Ritratt: Facebook / Christine Haber

Christine Haber qaltilna li kienet tinsab fuq btala mal-ġenituri tagħha fl-Amerika, eżattament kienu jinsabu fuq cruise ġewwa l-Haiti, tistqarr magħna li ħasbuh xi film meta bdew jaraw il-filmati fuq it-televiżjoni.

Miriam Christine wkoll ħasbet li kien film qaltilna: "Kont l-Ingilterra nsegwi l-editing fuq film li kien ħadem fuqu l-eks raġel tiegħi. U f’daqqa waħda filli konna qed naraw il-film u filli nara xena ta’ ajruplan jaħbat b’qawwa kbira ġo bini twil.

Ritratt: Facebook / Miriam Christine

Miriam kompliet tgħid: "Jien qbiżt u għidtilhom 'din xena ġdida... meta ffilmjajtuha din?!’ u wara skiet twil qabeż wieħed mill-istudios u qalli dak mhux film! Dak Sky News u live! Kulħadd tbikkem... ma stajniex nemmnu dak li konna qed naraw fuq dawk l-iskrins kbar, kollox amplifikat u qisu xi blockbuster ta’ Hollywood.... u d-dmugħ beda nieżel."

Ritratt: Facebook / Kevin Borg

Kevin qalilna: "Dakinhar niftakar li kont qiegħed fil-living room. Missieri kien qiegħed ix-xogħol u ommi kienet għadha ħajja allura niftakru verament sew dak il-mument. Ommi semgħet fuq ir-radio u qelbitu CNN u rajna it-tieni ajruplan jisplodi ġewwa it-Twin Towers. Xi ħaġa li għadni xxokjat sal-lum meta niftakar fiha."

Clifford Galea qalilna li nserta kien il-knisja iżarma wara l-festa ta' Settembru, u wara kulħadd inġabar fil-pjazza jiddiskuti dak li kien ġara. Filwaqt li Janice Mangion kienet id-dar u rat l-aħbar fuq it-televiżjoni. Tgħid li din il-ġurnata tiftakarha aktar għax dakinhar inzerta wkoll għeluq snin ħabiba tagħha. Gaetano kien għand in-nanna tiegħu jaraw it-televiżjoni u ra x-xena kerha. Jgħid li twerwer għax ħaseb li jista' jiġri l-istess hawn Malta.

Ritratt: Facebook / Keith Demicoli

Tkellimna ma' Keith Demicoli fejn qalilna: "Niftakar li kont id-dar l-għada tax-xalata tal-festa tal-Madonna tal-Grazzja ta' Ħaż-Żabbar u kont qed norganizza xi affarijiet u karti f'kamarti. F'daqqa waħda fuq it-tv li ħallejtu mixgħul fl-isfont niftakarni nisma' s-sigla tal-aħbarijiet u minnufih bdew jixxandru filmati li eventwalment saru ikoniċi tal-ajruplani qed jibqgħu deħlin fit-Twin Towers."

Hu jkompli jgħidilna: "Jien u sħabi bdejna nibagħtu xi messaġġi lil xulxin, mistgħaġba b'dak li konna qed naraw. Ħadd minnha ma seta' jemmen hux xena jew realtà. Ħabiba tiegħi li l-għada kellha tibda vjaġġ ferm mistenni ta' tliet ġimgħat kienet qaltli li se jkollha tħassar kollox. Kulħadd kien terrorizzat."

Ritratt: Facebook / Fabian Demicoli

Ħu Keith, Fabian qalilna: "Dakinhar kelli 13-il sena, kien kmieni wara nofsinhar u kont qed inlesti biex immur it-training tal-futbol, f’dak il-ħin kont qed nara TVM u niftakar li kienet qed tixxandar drama antika (black and white) li jixxandru matul is-sajf, meta f’daqqa waħda daħlet breaking news u filmat ta’ duħħan. Niftakarni bqajt insegwi, sakemm ftit wara rajt xi ħaġa għaddejja fl-ajru u daħna oħra, dak kien filfatt it-tieni ajruplan.

Hu jżid: "Ma ninsa qatt ix-xeni tan-nies litteralment miksiha bit-trab. Hija traġedja li nibqa' niftakar ċar. Sal-lum mort 3 darbiet New York u kull darba mmur inżur il-post fejn tilfu ħajjithom mijiet ta’ persuni, apparti l-esperjenza ta’ dieqa fil-memorial li fih jiġbor esperjenzi u memorji koroh ta’ dakinhar. Importanti li ma ninsewx x’ġara dakinhar u li kien attakk li biddel id-dinja."

Ritratt: Facebook / Wayne Aquilina

Wayne Aquilina qalilna: "Kienu żminijiet differenti. Ma kienx hawn midja soċjali. Li mmorru għand xi ħbieb tal-iskola, kienet fin-norma ħafna aktar mill-lum. Niftakar konna fil-parapett u ġiet ommu u qaltilna li fuq it-televixin rat xena qisha ta' film fl-Amerika. Dak iż-żmien kelli 15-il sena, fl-imaġinazzjoni tiegħi, għedt... uxe l-Amerika!"

"Tipo, pajjiż li ħadd ma jmissu u ma jista' jagħmillu xejn!! Ta' ġuvnott li kont, ftit stajt nifhem x'kien qed jiġri... għajr li għal ħafna jiem, ġimgħat u xhur wara ma waqafniex milli nisimgħu fuq l-aħbarijiet, dwar it-Twin Towers, dwar Osama Bin Laden u l-biża' ta' bidu ta' gwerra."

Ritratt: Facebook / Pardi La

Lara Azzopardi tgħidilna li hi kienet id-dar ma' missierha waqt li ommha kienet qed ixxandar il-programm tagħha. Hi tispjega li tiftakar lil missierha fi stat ta' paniku jfittex ir-remote ħalli jixgħel it-televiżjoni. Tgħid li tiftakar ix-xena tat-tieni ajruplan dieħel fit-Twin Towers u lil ommha fuq it-telefon. Tistqarr magħna: "Ksaħt, ma stajtx nemmen lil għajnejja li rajt xena televiżiva esaġerata iktar mill-aqwa ġennati u żinnati li naraw fil-films.

Dorian Cassar jiftakar li kien ġie mill-iskola u kellu uġigħ ta' ras, mar jorqod u kif qam jara t-televiżjoni mixgħul. Hu saqsa lil ommu x'qed tara u dik ħasbet li għadu kif beda xi film. Kien hu li rrealizza li qed jimmarka li qegħdin live u din ma kienet xejn ħlief xena li qed tiġri ġewwa l-Istati Uniti. Phyllisienne Brincat kienet tinsab Tuniż mat-tfal tagħha Isadora u Engy għax kienu mistiedna jkantaw hemm wara li rebħu hawn Malta. Qaltilna: "Naf li konna qed naraw it-televiżjoni u mblajna xħin rajna din l-aħbar kerha."

Ritratt: Facebook / Claudia Faniello

Claudia Faniello tgħidilna: "Kont id-dar ma' ħabiba tiegħi u niftakar mort nipprova inċempel lil missieri biex nifhem aħjar x'kien ġara peress illi hu kien qed jgħix fl-Istati Uniti. Kien xokkanti li nara dawk ix-xeni fuq il-mezzi tax-xandir, ma stajtx nifhem kif seta ġara xi ħaġa daqshekk barbara.

PJ Vassallo qalilna li kien l-uffiċju l-Belt meta sema' bl-aħbar, xagħlu t-televiżjoni u raw it-tieni ajruplan jaħbat. PJ kompla jgħidilna "wara x xokk inizjali bdejna l-preparamenti biex immorru New York għal Xarabank u jumejn wara konna hemm." Priscilla Psaila u Rita Pace t-tnejn qalulna li kienu xogħol meta semgħu bl-aħbar u kienu verament ixxukjati. Mark Spiteri Lucas qalilna li jekk jiftakar sew kien id-dar u kien ixxukjat, kien attakk li biddel wiċċ id-dinja.

Int tiftakar x'kont qed tagħmel dakinhar ta' din it-traġedja?

Instagram / Fortnitewebpaper


Emil Calleja Bayliss