Ċertament, films ta' Walt Disney huma ferm segwiti kemm minn tfal kif ukoll adulti, għaldaqstant għandna xalata ta' films li ħerġin dalwaqt li se jinżlu għasel ma' ħafna u jqanqlu nostalġija.

1. Aladdin

Ħruġ internazzjonali: 24 ta' Mejju 2019

Miktub minn John August u Vanessa Taylor, b'direzzjoni ta' Guy Ritchie, hu addattament għal-live-action tal-film animat Aladdin tal-1992. Mena Massoud se jkun qed jinterpreta l-parti ta' Aladdin filwaqt li l-parti ta’ Jasmine se tkun interpretata minn Naomi Scott. Will Smith, li se jkun qed jagħmel il-vuċi tal-Genie kien l-ewwel membru tal-kast ta' dan il-film, minkejja li ġie offrut li jinterpreta parti fil-film Dumbo, għażel Aladdin.

2. Godzilla:King of the Monsters 

Ħruġ internazzjonali: 31 ta' Mejju 2019

Idderiġit u ko-miktub minn Michael Dougherty. Dan il-film hu sequel għal Godzilla tal-2014 u se jkun il-35 film fil-Godzilla franchise. L-istorja ssegwi l-isforzi erojċi tal-aġenzija crypto-zoological fejn ikollhom jiffaċċjaw u jikkumbattu ma' mostri kbar inkluż Godzilla. Hu mistenni li Godzilla: King of the Monsters iwitti t-triq għall-konfrontazzjoni li Godzilla se jkollu ma' King Kong fil-film Godzilla vs Kong li mistenni joħroġ is-sena li ġejja.

3. Toy Story 4

Ħruġ internazzjonali: 21 ta' Ġunju 2019

Ir-raba' wieħed mis-serje ta' films tat-Toy Story u huwa kontinwazzjoni ta' Toy Story 3 li kien ħareġ fl-2010. Fir-raba' film tad-dinja tal-ġugarelli naraw kif ġugarell ġdid bl-isem ta' Forky jingħaqad ma' Woody u l-klikka, għall-vjaġġ fejn fih, flimkien ma' ħbieb antiki u oħrajn ġodda, jiskopru kemm tista' tkun kbira d-dinja għal ġugarell.

4. Spider-man: Far from home 

Ħruġ internazzjonali: 5 ta’ Lulju 2019

L-istorja ta' dan il-film tibda minn wara l-avvenimenti li jseħħu f'Avengers 4, li mistenni joħroġ f'Mejju ta' din is-sena. Wara dawn l-avvenimenti partikolari, Peter Parks (Spider-Man), parti interpretata minn Tom Holland, flimkien ma’ sħabu iżuru l-Ewropa għall-btala tas-Sajf u hemmhekk isib ruħu jipprova jsalva lil sħabu minn villain magħruf bħala Mysterio.

5. The Lion King

Ħruġ internazzjonali: 19 ta' Lulju 2019

B’direzzjoni ta' Jon Favreau u korruzzjoni ta' Walt Disney, dan il-film fotorealistiku kompjuter animat hu maħdum mill-ġdid bi storja ibbażata tal-istess film tal-1994. Se jimmarka proprju l-25 anniversarju mill-ewwel film. James Earl Jones, Hans Zimmer u Elton John huma l-uniċi persuni li żammu r-rwoli tagħhom mill-film oriġinali, b’tal-ewwel għall-vuċi ta' Mufasa, Hans Zimmer bħala l-kompożitur tal-film u Elton John bħala songwriter.

6. Joker 

Ħruġ internazzjonali: 4 ta' Ottubru 2019

Miġjub minn Warner Bros u bbażat fuq il-karattru tal-Joker, tal-komiks ta' DC, hu dderiġit minn Todd Philips. Miktuba minn Philips stess flimkien ma’ Scott Silver, il-qofol tal-istorja se ddur madwar dan l-istand up comedian li jfalli tant li jitlef id-direzzjoni tiegħu u jinbidel f'qattiel psikopatiku. Il-parti prinċipali tal-Joker se tiġi interpretata minn Joaquin Phoenix.

7. Star Wars: The Rise of Skywalker

Ħruġ internazzjonali: 20 ta' Diċembru 2019

Miktub minn J.J Abrams, Chris Terrio, Colin Trevorrow u Derek Connoly, ibbażat fuq karattri maħluqa minn George Lucas. Il-kitba ma kinitx l-uniku xogħol għal J.J Abrams f'dan il-film għaliex f'idejh għandu wkoll il-produzzjoni u d-direzzjoni. Dan se jkun it-tielet u l-aħħar wieħed mis-sequel trilogu ta' Star Wars, u d-disa’ u l-aħħar wieħed mis-saga Star Wars Skywalker.

Dan l-artiklu deher għall-ewwel darba fir-rivista l-Gwida li toħroġ kull ġimgħa u ssibuha għall-bejgħ mill-ħwienet ewlenin.

Instagram / @lionking


Roberta Magri