Id-Dance Festival Malta intlaqa’ tajjeb ħafna mill-komunità lokali taż-żfin, għaliex sa fl-aħħar il-kumpaniji taż-żfin lokali għandhom pjattaforma speċifika fejn jesebixxu l-produzzjonijiet tagħhom. Il-workshops preżentati f’dan il-festival kellhom impatt pożittiv ħafna wkoll għax jikludu klassijiet ma artisti internazzjonali li jitrattaw temi u stili differenti minn tas-soltu. B’total ta’ 11 -il produzzjoni, Festivals Malta prepara programm diversifikat li żgur ser jolqot il-gosti ta’ kulħadd, illum ser inkomplu nkellmukom dwar l-aħħar ftit produzzjonijiet ta’ dan il-festival. Aqra dwar l-oħrajn f'dan il-link HAWN u f'dan il-link HAWN

Il-kumpanija taż-żfin Human Fields, li taw prestazzjonijiet madwar id-dinja f’pajjiżi bħal Zurich, Pariġi, Warsaw, Gdansk u Tel Aviv fost oħrajn, ser ikunu qed jipparteċipaw bil-produzzjoni ‘Into Me, See’. Din il-produzzjoni ta’ żfin kontemporanju, tesplora t-tema tal-intimità. L-intimità tista’ tiġi esperjenza f’diversi modi u ż-żeffiena jużaw l-esperjenzi tagħhom biex jinterpretaw aspetti differenti ta’ intimità permezz ta’ korjografija varjata.

B’korjografija ta’ Athanasia Kanellopoulou, ‘NADJA – Who Am I?’ hija spirata mill-ktieb t’André Breton ‘Nadja’ u tiffoka fuq il-ħarsa femminili u l-vulnerabbiltà tal-eżistenza femminili. Din il-produzzjoni tqanqal mistoqsijiet u tħassib dwar in-natura femminili, billi tuża bħala ispirazzjoni l-materjal fotografiku tal-fotografa Amerikana Francesca Woodman.

‘Space as a cluster’ ta’ Lisa Bysheim u Sarah Vella hija produzzjoni ibbażata fuq xogħol li jittella’ flimkien mal-komunità permezz ta’ wieħed mill-workshops ta’ dan il-festival. Permezz ta’ din il-korjografija iż-żeffiena jesploraw il-forom kurrenti u storiċi ta’ dominazzjoni soċjali, u jeżaminaw kif il-kollettività tista’ tiġi kkonċepita permezz ta’ azzjoni kollettiva. L-għan hu li jinħoloq għarfien tal-bidla potenzjali li tista’ sseħħ minn proċessi kollettivi tal-komunità. Ix-xogħol korjografiku jistaqsi x’inhu l-korp kollettiv; fis-soċjetà u fl-ispazju pubbliku? X'impatt għandu? Kif nistgħu nappartjenu għal xi ħaġa akbar minna nfusna, mhux biss bħala individwi, iżda b’mod kollettiv?

Ftit snin ilu, Laura Arend riedet tgħamel eloġju lill-femminilità. Permezz tal-korjografija tagħha Laura turi rispett kbir lejn dawk in-nisa li jieħdu l-kontroll tad-destin tagħhom f’idejhom, ta’ dawk li jgħixu l-ħolm tagħhom u li jesprimu l-essenza vera tagħhom. ‘ANNA’ hija spirata minn ħames nisa Ġermaniżi influwenti, mis-sekli 19 sal-21 li kienu ftit rikonoxxuti u ħafna drabi minsija. Dawn in-nisa huma Lise Meitner, Sophie Scholl, Clarenor Stinnes, Pina Bausch, u Clara Schuman. L-għan huwa li l-udjenza tgħaraf il-kisbiet ta’ dawn in-nisa eċċezzjonali u li permezz tal-istorja tagħhom tirrealizza li xejn mhu impossibbli.

Produzzjoni oħra ta’ Human Fields f’dan il-festival jisimha ‘A place to be’ li titratta l-konvinzjoni li l-bidla hija l-unika permanenza li ma għandha l-ebda stat finali. ‘Li tkun’ ifisser li dejjem qed ‘issir xi ħaġa’. Temporanjetà, vulnerabbiltà, inklinazzjoni għal bidla kostanti, qatt kompluta, u qatt definita. Kull struttura ġdida tieħu post dik preċedenti u ssir soluzzjoni momentarja oħra - rikonoxxuta sa ma terġa tinbidel.

Dance Festival Malta huwa organizzat minn Festivals Malta u se jsir bejn it- 28 u l-31 ta’ Lulju. Għal iktar informazzjoni u biex takkwista l-biljetti żur is-sit www.festivals.mt/dfm.


Emil Calleja Bayliss