Freddie Mercury, imwieled Farrokh Bulsara fl-1946 miet proprju f’dan il-jum 30 sena ilu. Hu kien kittieb tal-kanzunetti, arranġatur u produttur tal-mużika prolifiku, u wieħed mill-kantanti ewlenin l-aktar magħrufa tas-seklu 20, Mercury kien il-frontman tal-Queen mill-1970 sal-mewt tiegħu fl-1991.

Artistikament, huwa sfida ħafna mill-parametri magħrufa tal-pop u rock, għax kien lest jieħu riskji mużikali u kuntent li ma jkunx mainstream. Kull spettaklu kien differenti tiegħu u tista' tgħid li din kienet waħda mir-raġunijiet ewlenin wara l-fatt għala kien daqstant maħbub u kiseb daqstant suċċess.

Freddie miet ta' 45 sena b'kumplikazzjonijiet mill-AIDS fl-1991, erba' snin wara li skopra li hu marid. Freddie jibqa' mfakkar bħala l-kompożitur ta' diversi ġeneri li kiteb kanzunetti b’lirika poetika u mill-qalb, b'metafori u melodiji memorabbli.

Jibqa' magħruf ukoll għall-vuċi unika li kellu, vuċi qawwija, b'aġilità liema bħala u espressiva mmensament. Barra minn hekk, l-abilità tiegħu fuq il-palk kienet waħda impressjonanti li kienet tħalli lis-segwaċi tiegħu jixtiequ aktar.

Il-mużika tiegħu għadha tidwi madwarna f'siltiet li qatt ma nixbgħu nisimgħu bħal We Are The Champions, Don't Stop Me Now, Somebody To Love, We Will Rock You, Who Wants To Live Forever, The Show Must Go On, Bohemian Rhapsody u ħafna ħafna oħrajn.

Facebook / Freddie Mercury


Emil Calleja Bayliss