Fl-aħħar xhur, intensifikaw ix-xogħlijiet infrastrutturali mid-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi fil-qalba kif ukoll madwar iż-żona tal-Park Nazzjonali ta’ Ta’ Qali, l-ikbar spazju miftuħ u aħdar fil-pajjiż.

 L-ewwel fażi ta’ dawn ix-xogħlijiet kienu jikkonsistu f’xogħlijiet kruċjali fuq sistemi ġodda għall-ilma tax-xorb għall-pubbliku, sistema ġdida tad-drenaġġ, sistema għall-immaniġġjar tal-ilma tax-xita, infrastruttura ġdida għall-cables tat-tele-komunikazzjoni kif ukoll installazzjoni ta’ cables ġodda għall-provvista tal-elettriku.

 Bħalissa għaddejja t-tieni fażi fejn tliet kilometri ta’ toroq qed jingħataw wiċċ ġdid ta’ asphalt fuq it-toroq kollha li mir-roundabout ta' taħt l-Imtarfa jagħtu għal Ta' Qali, minn Ħ'Attard għad-daħla f’Ta' Qali, kif ukoll it-toroq kollha li jwasslu għal ġoċ-ċentru ta' Ta' Qali b’investiment totali ta’ €4 miljuni.

 Waqt żjara li għamel fuq il-lant tax-xogħol is-Segretarju Parlamentari għax-Xogħlijiet Pubbliċi Omar Farrugia, akkumpanjat mill-Kap tat-Taqsima tal-Park Nazzjonali ta’ Ta’ Qali Jason Micallef, seta’ jara l-wiċċ ġdid fuq numru ta’ toroq li jdawru ż-żona ta’ Ta’ Qali.

 Is-Segretarju Parlamentari Farrugia spjega kif, “Il-Park Nazzjonali ta’ Ta’ Qali, l-ikbar pulmun aħdar fil-pajjiż, qiegħed jingħata l-prijorità li tixraqlu, mhux biss bil-ftuħ ta’ spazji ġodda u attivatijiet kontinwi fil-qalba tiegħu, iżda wkoll fix-xogħlijiet ta’ manutenzjoni fil-madwar li jwasslu lill-pubbliku għal din iż-żona.”

 “Iż-żona ta’ Ta’ Qali, minn waħda mitluqa u mingħajr ħajja, bħala Gvern u Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi b’sinerġija mat-Taqsima tal-Park Nazzjonali ta’ Ta’ Qali, qiegħda tingħata l-attenzjoni li jixraqilha biex tkompli tkun mezz kif il-familji Maltin u Għawdxin iqattgħu ħin ta’ kwalita,” ikkonkluda s-Segretarju Parlamentari Omar Farrugia.

Jason Micallef spejga kif is-servizzi ġodda mgħoddija kif ukoll il-wiċċ ġdid li qiegħed lil dawn it-toroq jikkumplimentaw lill-ikbar riġenerazzjoni li qatt rat iż-żona ta’ Ta’ Qali.

Matul l-aħħar sena, il-proġett tal-Park Nazzjonali ta’ Ta’ Qali għadda minn rinġenerazzjoni totali, bis-sehem tad-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi.

Minbarra l-ftuħ taż-żona tal-kunċerti, fejn fl-aħħar xhur ospitat kantanti ta’ fama mondjali li attiraw għexieren ta’ eluf ta’ Maltin u turisti, il-Park Nazzjonali ta’ Ta’ Qali evolva minn medda art ta’ 220,000 metru kwadru, għal spazju miftuħ u aħdar li kiber bid-doppju, għal żona ta’ 450,000 metru kwadru.


Emil Calleja Bayliss