Missier iċ-ċkejken Luca, il-plejer tal-futbol Patrick Maia, qasam l-aħħar żviluppi dwar ibnu. Hu qal, "27 jum fl-isptar....21 jum fil-kura intensiva. Issa qed naraw l-ewwel żviluppi. Ibni, naf li quddiemna għad għandna xhur niġġieldu kontra l-marda. Ma nafux eżatt meta se tiġi dik il-ġurnata li tkun ħieles mill-marda."

Hu jkompli b'messaġġ pożittiv ferm, "Jien nemmen fir-rebħa tiegħek. Narak titbissem u għajnejk kollha ferħ, iqawwuli qalbi". Ibnu Luca bħalissa qed jirċievi kura fl-isptar Mater Dei, tajjeb li nżommu liċ-ċkejken fit-talb tagħna u nittamaw li dan l-episodju jgħaddu b'wiċċ il-ġid u malajr kemm jista' jkun.

Fil-bidu ta’ April, Maia tkellem fuq il-midja soċjali u qasam messaġġ ta’ ringrazzjament mill-qalb lin-nies tal-lokal kollha li taw donazzjonijiet għall-kawża tagħhom. "Nixtieq nirringrazzja lill-poplu Malti, int qed tkun tal-għaġeb ma' ibni."

"M'għandi l-ebda kliem biex nirringrazzjakom u nurikom il-gratitudni tiegħi. Ibni se jagħmel lilkom kollha kburin bih. Ma stajtx inkun f'post aħjar bħalissa. Grazzi, Malta.”

Kuraġġ Luca!


Emil Calleja Bayliss