Ftit tal-ħin ilu ntemmet il-konferenza stampa ta' Festivals Malta fejn nedew it-tieni edizzjoni tal-festival popolari Mużika Mużika. Il-festival tas-sena d-dieħla ħa jkun qed isir bejn fl-24, 25 u 26 ta' Marzu u wieħed tajjeb li jkun jaf li l-applikazzjonijiet jinfetħu proprju minn għada stess u jagħlqu fil-15 ta' Ottubru! Wieħed jista' jsegwi din il-konferenza billi jidħol HAWN.

Waqt il-konferenza, it-tim ħabbar xi tibdil żgħir mill-ewwel edizzjoni. Tibdil li żgur ħa jintlaqa' tajjeb mill-parteċipanti kollha! Festivals Malta ħabbru li Mużika Mużika ħa jkollu programm televiżiv li ħa jkun qed isegwi l-kantanti semi-finalisti kollha u barra minn hekk, ħa jkunu qed jagħtu spazju lill-kantanti ġodda li qatt ma dehru mkien.

Infatti wieħed jew waħda minn dawn il-kantanti ġodda ħa jingħata ċ-ċans tad-deheb li l-kanzunetta li jkunu qed jinterpretaw tingħaqad mal-għoxrin semi-finalista, grazzi għal dan il-programm televiżiv.

Dak mhux kollox, il-kanzunetta rebbieħa tat-tieni edizzjoni ħa tkun qed tieħu €20,000 fi premju, il-kanzunetta li tiġi kklassifikata fit-tieni post ħa tieħu €10,000 fi premju u l-kanzunetta fit-tielet post tieħu €5,000 fi premju. Barra dawn it-tliet unuri, jingħata l-premju tal-aqwa interpretazzjoni u l-aqwa kompożizzjoni.

Mużika Mużika bla dubju ħa jkun l-akbar spettaklu li pajjiżna qatt ra! Spettaklu li ħa jkun qed joffri pjattaform unika u mill-aqwa għall-kantanti, kompożituri u awturi Maltin. Is-suċċess tal-ewwel edizzjoni hu xhieda li dan il-festival ħa jkompli jikber u jiġbed l-attenzjoni tax-xena mużikali Maltija.

Festivals Malta għamluha ċara li qed ifittxu kull tip ta' ġeneru u jħeġġu lill-artisti lokali japplikaw għal dan il-festival prestiġjuż. Festival li jiċċelebra l-mużika u l-lingwa Maltija filwaqt li jsellem ukoll lil dawk kollha li sawru l-imħabba tal-mużika.

Ir-regoli ta' Mużika Mużika tista ssibhom HAWN. Għal aktar informazzjoni wieħed jista' jidħol fuq is-sit ta' Mużika Mużika billi jagħfas HAWN. Tajjeb li wieħed isegwi wkoll il-paġni ta' Facebook ta' Festivals Malta u anke ta' Mużika Mużika biex ikun aġġornat bl-aħħar żviluppi!


Kyle Zarb