18-il sena ilu, rajna l-aħħar edizzjoni tal-Festival Kanzunetta Maltija, festival li fetaħ bibien internazzjonali għal kantanti, awturi u kompożituri Maltin biex jesebixxu kompożizzjonijiet Maltin f’kompetizzjonijiet prestiġjużi barra minn xtutna. Barra minn hekk serva wkoll bħala pjattaforma għall-kanzunetta Maltija u minnu ħarġu kanzunetti klassiċi Maltin.

Dan il-festival kellu ritorn qasir fl-2013 u mill-ġdid fl-2016, iżda qatt ma reġa' stabilixxa ruħu bħala festival ewlieni fil-kalendarju kulturali Malti. Issa, bl-inizjattiva tal-Prim Ministru u l-Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali; Festivals Malta qed tniedi uffiċjalment ir-ritorn ta’ dan il-festival tant prestiġjuż, bl-isem il-ġdid ta’ Mużika Mużika - Festival Kanzunetta Maltija.

Il-Ministru Dr José Herrera spjega li dan il-festival ħa jkompli jmexxi 'l quddiem il-kanzunetta Maltija u tenna wkoll li t-talent mużikali ġewwa pajjiżna huwa wieħed ta' livell, iżda hemm il-bżonn li nsaħħuh u noffru aktar opportunitajiet lill-kompożituri, awturi u kantanti Maltin.

"Dan il-festival ċertament ser ikun qiegħed jattira l-aqwa talent f'pajjiżna fejn permezz ta’ din l-inizjattiva ser inkomplu nagħtu aktar opportunitajiet kemm lil dawk stabbiliti fix-xena mużikali kif ukoll dawk ġodda," sostna l-Ministru Herrera.

Iċ-Ċerman ta’ Mużika Mużika - Festival Kanzunetta Maltija, is-Sur Raymond Buġeja sostna, “Ilna issa għal ħafna snin, b’dispjaċir, inħossu n-nuqqas ta’ vetrina xierqa għall-kanzunetti miktuba u kantati b’ilsien pajjiżna. Hija tassew ħasra li x-xena mużikali lokali, bil-mod il-mod, kienet qiegħda tiġi mċaħħda minn kanzunetti bil-Malti.”

Fost l-oħrajn hu jżid, "“Għalhekk, bħala tim, inħossuna kburin inħabbru li l-Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u Gvern Lokali għoġbu jafdalna f’idejna t-tnedija mill-ġdid ta’ festival maħsub biss għall-kanzunetti miktubin b’ilsienna. Dan se jassigura li l-kanzunetta Maltija titpoġġa mill-ġdid f’postha, bil-ġieħ u d-dinjità kollha li jixirqilha."

Iċ-Ċerman ta’ Festivals Malta, is-Sur Norman Hamilton qal, “Dan il-Festival – li huwa vetrina u pjattaforma unika għall-kompożituri, awturi, kantanti, gruppi u mużiċisti kemm Maltin kif ukoll Għawdxin – mill-lum ‘il quddiem ser ikollu l-isem ta’ 'Mużika Mużika - Festival Kanzunetta Maltija."

Hu kompla jżid, "Jien kburi li l-ħolma tiegħi u ta’ l-Hon. Ministru fl-aħħar ser issir realtà. Dan il-Festival tal-Kanzunetta Maltija tant popolari ser jerġa’ jirritorna, u din id-darba ser jibqa’, bħala parti mill-kalendarju kulturali tal-Aġenzija Festivals Malta.”, ikkonkluda s-Sur Hamilton."

Dan il-festival ser jittella’ uffiċjalment f’Marzu tas-sena 2021 fejn diversi kanzunetti bil-lingwa Maltija, b’lirika u kompożizzjoni ta’ artisti lokali, ser ikunu qed jikkompetu. Ir-regolamenti, kif ukoll aktar linji gwida dwar il-proċedura ta’ dan il-festival jinstabu fuq is-sit elettroniku www.muzikamuzika.org.

Is-sottomissjoni tal-applikazzjonijiet għal dan il-festival jistgħu jsiru fuq is-sit elettroniku tal-festival jew bl-idejn fl-uffiċini ta’ Festivals Malta fil-Furjana bejn it-28 u t-30 ta’ Ottubru 2020.


Anthony Baldacchino