Koppja Infettata Bid-Deni Rqiq Wara Li Kielu Ġbejna F'Għawdex

Koppja Olandiża li tgħarrsu ftit ilu bħalissa qed jirċievu trattament minħabba li qabidthom l-infezzjoni rari tad-deni rqiq wara li kienu vaganza fil-gżira Għawdxija.

L-infezzjoni magħrufa wkoll bħala d-deni ta’ Malta u wieħed jista’ jaqbad din l-infezzjoni meta l-bnedmin jiġu f’kuntatt ma’ annimali infettati jew il-ħalib tagħhom. Il-kundizzjoni hija rari ħafna, u l-aħħar każ magħruf f’pajjiżna jmur għas-sena 2003. Dan jidher li kien każ impurtat.

Is-sit Times of Malta tkellmu ma’ Frans van Rumpt li qal li marad ftit wara li mar lura f’pajjiżu mill-vaganza li kellhom f’pajjiżna hu u t-tfajla tiegħu. Hu jistqarr li kellu deni, dijarea u letarġija fuqu, it-tabib qallu li ma kienx każ ta’ deni rqiq peress li l-kundizzjoni hija tassew rari.

Iżda kif is-sintomi marru għall-agħar, insistew li l-koppja ssirilhom it-test għall-infezzjoni. Ir-riżultati tad-demm ikkonfermaw is-suspetti tiegħu u l-koppja issa qed tieħu kura għall-infezzjoni rari. Huma jgħidu li kielu ġbejna mhux pasturizzat minn ristorant f’Għawdex.

Il-koppja ma’ Times of Malta qalu li ġew infurmati minn min kien qed iservihom li l-ġbejna kien magħmula id-dar b’ħalib mhux pasturizzat, iżda huma kienu konvinti li r-ristorant jieħu l-prekawzjonijiet kollha meħtieġa biex jevita li juża prodotti infettati.

Ir-razzett tar-ristorant, qal li jsirulhom spezzjonat mill-inqas darbtejn fis-sena, bil-frekwenza taż-żjarat tiġi ddeterminata mid-Direttorat tar-Regolament Veterinarju iżda wara li l-każ ġie rrapurtat għandhom żjara nhar it-Tnejn li ġej.

Il-kap tas-saħħa pubblika Charmaine Gauci kkonfermat li l-awtoritajiet qed jinvestigaw il-każ u kkuntattjat ukoll lil van Rumpt għal aktar dettalji. Hi assigurat li kull rapport jittieħed b’serjetà kbira u l-awtoritajiet tas-saħħa qed jaħdmu id f’id mad-Direttorat Veterinarju sabiex jiżguraw li l-irziezet jiġu spezzjonati regolarment u l-annimali jiġu ttestjati.

Jekk jinstab annimal wieħed infettat, Gauci qalet li jkollha tinqatel il-merħla kollha.







Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR



PARTNERS UFFIĊJALI